Żurrieq farmers urgently call on Lands Authority to withdraw consent for development on agricultural land in Tal-Bebbux

Żurrieq farmers urgently call on Lands Authority to withdraw consent for development on agricultural land in Tal-Bebbux

 
 
Lil:
Onor. Dr Stefan Zrinzo Azzopardi Ministru għall-Artijiet
Sur Robert Vella CEO Awtorità tal-Artijiet
 
 
Talba għall-Irtirar tal-Kunsens għall-Iżvilupp f’Tal-Bebbux, iż-Żurrieq
 
 
Aħna, il-bdiewa hawn taħt iffirmati, bl-appoġġ ta’ bosta għaqdiet u residenti, qegħdin nitolbu lill-Awtorità tal-Artijiet tirrevoka minnufih il-kunsens tagħha għall-applikazzjoni PC/00068/22 fuq art agrikola f’Tal-Bebbux, liema art hija ħafna minnha tal-gvern.
 
Din it-talba qed issir fid-dawl tat-tħassib serju dwar it-telf ta’ art agrikola, is-sigurtà tal-ikel, l-impatt ambjentali, u r-rabta storika ta’ din l-art mal-biedja.
 
Din l-art fertili għadha tinħadem b’mod attiv minna l-bdiewa, u l-familji tagħna ilhom jaħdmuha għal ġenerazzjonijiet sħaħ. L-iżvilupp li ser twassal għalih din l-applikazzjoni — li jinkludi triq ġdida minn ġol-art agrikola u r-riklassifikazzjoni taż-żona għall-bini — qed joħloq tħassib kbir fost il-komunità tagħna. Dan mhux biss se jkollu impatt negattiv fuq part mill-għajxien tagħna iżda se jikkontribwixxi wkoll għat-telf ta’ art agrikola daqstant importanti, li diġà hija skarsa f’Malta.
 
Fil-kuntest ta’ tħassib dejjem jikber dwar is-sigurtà tal-ikel u dwar l-isfidi fil-produzzjoni lokali tal-ikel, il-preservazzjoni tal-art agrikola hija ta’ importanza kbira. Il-qerda tar-raba’ bħal dik f’Tal-Bebbux taffettwa l-kapaċità tal-pajjiż li jsostni lilu nnifsu u thedded il-futur tal-biedja f’Malta. Hekk kif il-kriżi globali tal-ikel qed tkompli tikber, qatt ma kien kruċjali daqs issa li nħarsu r-riżorsi agrikoli tagħna, kemm għal raġunijiet ekonomiċi kif ukoll ambjentali u soċjali.
 
Nilqgħu l-wegħda tal-gvern li jiżgura li l-art pubblika tintuża biss għal proġetti li jibbenefikaw is-soċjetà u l-komunità lokali. Madankollu, il-proposta attwali ma taqbilx ma’ dawn il-valuri. L-iżvilupp ta’ Tal-Bebbux f’bini residenzjali u f’bini ieħor hekk imsejjaħ “soċjali” mhux se jservi l-aħjar interessi tal-komunità taż-Żurrieq u jmur kontra l-prinċipji tal-preservazzjoni tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna. Dan l-iżvilupp se jkollu wkoll impatt negattiv fuq il-karattru rurali taż-żona, li jservi ta’ spazju aħdar vitali u element kulturali u soċjali importanti għar-raħal tagħna.
 
Ninnutaw li ġew ippreżentati eluf ta’ oġġezzjoniijiet mill-pubbliku lill-Awtorità tal-Ippjanar għal PC/00068/22, b’turija t’oppożizzjoni mifruxa għal din l-applikazzjoni.
 
Aħna nħeġġu lill-Awtorità tal-Artijiet biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha u tirtira l-kunsens li tat għall-applikazzjoni ta’ kontroll tal-ippjanar PC/00068/22. Jekk dan il-kunsens jiġi rtirat, l-ipproċessar tal-applikazzjoni jieqaf, u l-art tibqa’ tinħadem.
 
Nittamaw li l-Awtorità tal-Artijiet tqis l-oppożizzjoni mifruxa kontra din l-applikazzjoni, u tieħu deċiżjoni li tallinja mal-interessi tal-komunità taż-Żurrieq, mal-preservazzjoni tas-settur agrikolu Malti, u mal-protezzjoni tas-sigurtà tal-ikel tagħna. Nemmnu li l-Gvern għandu r-responsabbiltà li jindkora l-art, iħares il-biedja u jipproteġi l-ambjent Malti. Huwa għandu jkun id-difensur tal-poplu kontra l-qerda u r-regħba, u mhux dak li jiffaċilitaha.
 
Nistennew bil-ħerqa t-tweġiba tagħkom u nittamaw li tittieħed l-azzjoni xierqa biex titħares l-art u l-komunità tagħna.
 
Firmatarji tal-ittra
Robert Bondin Carter
Annalisa Schembri
 
Bl-appoġġ ta’
Għaqda Bdiewa Attivi
Għaqda Residenti taż-Żurrieq
Malta Youth in Agriculture (MaYA)
Azzjoni: Tuna Artna Lura
BirdLife Malta
Din l-Art Ħelwa
Flimkien għal Ambjent Aħjar
Friends of the Earth Malta
Il-Kollettiv
Moviment Graffitti
Nature Trust – FEE Malta
Ramblers’ Association of Malta
The Archaeological Society Malta
 
 
 
 
 
 
 

 

 

Pages: 1 2

Donate now!

X