Proċess faċli biex tibda tieħu l-ordnijiet online

Bla dubju, il-pandemija riċenti biddlet id-dinamika tas-suq lokali u ħafna klijenti qed jagħżlu li jixtru online u jużaw servizzi ta’ kunsinna. Għalhekk, aħna ħloqna lista qasira ta’ punti biex ngħinuk tibda tbigħ online bl-aktar mod sempliċi, mgħaġġel, u effettiv mil-lat tal-ispiża.

1. Ħalli l-klijenti jsibuk

Din saret aktar faċli f’dawn l-aħħar ġimgħat grazzi għal lista.mt, maltatogether.com, maltadeliveries.com, u Malta Farm Map. Niżżel il-ħanut tiegħek fuq dawn il-websites u ta’ kultant iċċekja paġni bħal RUBS fejn il-klijenti qed isaqsu lil ħaddieħor għal bejjiegħa tal-ħxejjex ta’ min jirrakkomanda u jafda. Tkun ta’ għajnuna wkoll jekk ikollok il-paġna tiegħek ta’ Facebook bid-dettalji ta’ kuntatt—li jkollok in-numru tal-mobile u l-indirizz tal-post ġa biżżejjed biex tibda.

2. Għid lill-klijenti xi tbigħ 

Jekk tbigħ prodotti lokali biss, semmiha. Jekk tispeċjalizza f’xi ħxejjex partikolari, kun żgur li tgħarraf lill-klijenti tiegħek. Agħmilha faċli għall-klijenti biex jimmemorizzaw min int u xi tbigħ. Mod wieħed kif tista’ tagħmel dan hu billi toħloq isem kreattiv għall-paġna tiegħek ta’ FB jew tal-ħanut.

Metodu aħjar hu li tipprovdi kaxxa ta’ ħxejjex (Veg Box) magħżula minn qabel. Minflok tieħu listi m’għand klijenti, tista’ toffri, per eżempju, 3 pakketti differenti ta’ €20, €25, u €35 u l-klijenti jkunu jistgħu jsaqsu għal din il-kaxxa ta’ ħxejjex abbażi tal-baġit minflok tal-preferenzi tagħhom. Din tagħmel il-proċess aktar mgħaġġel u tiżgura li int tbigħ il-ħxejjex li huma fl-istaġun u tgħin biex tnaqqas il-ħela. 

Jekk ma tkabbarx selezzjoni vasta ta’ ħxejjex, din hi l-opportunità perfetta biex tikkollabora ma’ bdiewa oħra sabiex taħdmu flimkien biex ikollkom kaxex ta’ ħxejjex aktar diversi li jagħmlu l-klijenti aktar kuntenti. Iffoka fuq prodotti lokali biss għax dan hu l-veru vantaġġ kompetittiv tiegħek. Li jkollok varjetà interessanti ta’ frott u ħxejjex hu mod ieħor tajjeb kif int tista’ tirriklama lilek innifsek—per eżempju, jekk tkabbar brokkoli Romanesk jew karrotti vjola kapaċi tagħmel il-kaxxa tal-ħxejjex tiegħek aktar attraenti.

3. Wassal il-prodotti tiegħek

Hemm żewġ metodi kif tista’ tagħmel dan: jew tieħu l-prodotti lill-klijenti int stess, jew tuża kumpanija ta’ konsenja. Jekk tista’ tieħu l-prodotti lill-klijenti int stess, oħloq skeda u ara li jkunu jafu dwar l-iskeda. Forsi tqatta’ l-għodwiet tiegħek fl-għelieqi jew fis-suq, f’liema każ tkun tista’ twassal il-prodotti tiegħek filgħaxija. B’dan il-mod int tkun tista’ tippjana l-vjaġġi tiegħek b’mod effiċjenti u tiffranka kemm ħin u fjuwil. 

Jekk madanakollu tippreferi li testernalizza l-parti tal-konsenja, tista’ tipprova tuża dawn il-kumpaniji ta’ konsenja: Bolt Food, Delivify, Mela.biz, Cool.mt. Jew minflok tista’ tikkuntattja kumpanija tat-taxis lokali u tasal għal arranġament magħhom. Dawn il-kumpaniji huma mgħammra u strutturati għal dawn it-tip ta’ servizzi, u sfortunatament ħafna minnhom għandhom il-karozzi tagħhom ipparkjati x’imkien u mhux użati.

Dejjem ftakar biex barra għall-indirizz issaqsi għan-numru tat-telefon tal-klijent. Imminimizza l-ispejjeż tiegħek u uża apps ta’ komunikazzjoni bħal Whatsapp.

4. Iffaċilita l-pagamenti 

Jekk tista’ ma tużax flus kontanti, dan ikun ideali. Ftakar li ħafna nies huma maqbuda d-dar u dawn mhux dejjem ikollhom flus kontanti fuqhom. Oħrajn kapaċi jħossuhom skomdi jħallsu bi flus kontanti u jippreferu jħallsu online jew bil-card sabiex jimminimizzaw kuntatt uman. 

Hemm metodi differenti kif tista’ tagħmel dan. Jekk qed tuża kumpanija ta’ konsenja, dawn kapaċi jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-bejgħ għalik u mbagħad jibgħatulek il-flus fil-kont tiegħek fl-aħħar tal-ġimgħa jew tax-xahar.

Jekk qed tieħu l-prodotti lill-klijenti int stess tista’ toħloq kont fuq Revolut u tibda tirċievi pagamenti fuq dan il-kont. Għażla oħra hi li takkwista contactless card reader bħal SumUp.

Fl-aħħar nett, ftakar biex iżżomm distanza sigura bejnek u bejn kwalunkwe persuna li jkollok kuntatt magħha ta’ kuljum, sija jekk hi l-persuna li se twassal il-prodotti tiegħek lill-klijenti u sija jekk huma l-klijenti nfushom. 

Jekk tixtieq aktar pariri jew appoġġ, ikkuntattjana fuq FB u aħna ngħinunk biex tistabbilixxi lilek innifsek.

Donate now!

X