Bidwi milqut mill-Proġett Central Link: “Għinu ’l-bdiewa… sejrin lura mhux ’l-quddiem.”

Bidwi milqut mill-Proġett Central Link: “Għinu ’l-bdiewa… sejrin lura mhux ’l-quddiem.”
INTERVISTA MA’ VICTOR TONNA

Il-Proġett Central Link, , approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Lulju li għadda, m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Wara l-aħbar tal-approvazzjoni kontroversjali tal-tiegħu,  attendew aktar minn 1000 persuna kontra l-Proġett u f’kampanja ta’ crowdfunding għall-appell kontra d-deċiżjoni, inġabru aktar minn €20,000 f’inqas minn 24 siegħa.

It-triq se tgħaqqad l-Imrieħel mar-Rabat bl-għan li ttaffi t-traffiku fiż-żona ta’ Ħ’Attard. Il-pjanijiet attwali se jwasslu biex jinqatgħu aktar minn 500 siġra u jintilfu madwar 50,000 metru kwadru ta’ art verġni, art li għada qed tintuża minn tal-anqas 47 bidwi. F’tentattiv biex tikkumbatti l-kritika, Infrastructure Malta laqqtet kampanja miżera ta’ propaganda. Is-serje ta’ riklami fuq Facebook fakkru lin-nies li ‘‘l-fatti importanti’ u bħal xi ħaġa ħierġa minn rumanz ta’ George Orwell, immanipulaw il-figuri biex jgħatu ’l-Proġett xeħta ambjentali u jilqgħu kontra ir-rispons negattiv mill-pubbliku.

Wara l-fatti u ċ-ċifri, pero’, hemm persuni reali li se jsofru telf u bidliet dejjiema fid-dritt għax-xogħol tagħhom u fil-kwalità tal-ħajjithom jekk it-triq tinbena. Tkellimt ma’ Victor Tonna, bidwi full-time li jista’ jitlef parti kbira mill-art li jaħdem f’Ħ’Attard.

L-għelieqi li Victor jikri mingħand il-gvern ilhom jinħadmu mill-familja tiegħu għal ġenerazzjonijiet sħaħ u qatta’ tfulitu jgħin lill-ġenituri u n-nanniet tiegħu jaħdmu l-istess art. Art, li suppost titqies barra miż-żona tal-iżvilupp, u teoretikament protetta bil-liġi “sakemm jieħduha”, jżid jgħid Victor. Illum, it-tifel Jean-Paul, qed isegwi fil-passi ta’ missieru, bil-ħerqa dawwarni mir-razzett u b’sens ta’ kburija urieni l-ħxejjex u s-siġar tal-frott li qed ikabbru.

F’intervista ma’ Times of Malta, Frederick Azzopardi, Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, saħaq li “diġà wasalna għal ftehim ma’ aktar minn nofs il-bdiewa milquta minn dan il-proġett.” Fl-istess intervista jgħid li qedgħin “Nippruvaw nilħqu ftehim individwali ma dawk affettwati.” Iżda il-konverżazzjoni tiegħi ma’ Victor mill-ewwel turi kemm l-awtoritajiet konċernati jinsabu maqtugħa mill-ħerba lid-deċiżjonijiet tagħhom se jħallu warajhom.

Fuq l-art tiegħu hemm binja tipika tal-ambjent rurali Malti li iservi ta’ maħżen għall-għodda. Victor jispjega li, “meta jibnu t-triq, se jkolli problema enormi biex naċċessa l-farmhouse… Se jkun hemm żewġ toroq hawn, waħda għar-residenti u l-oħra għall-bypass”, li jħallu l-binja iżolata mill-bqija tal-għellieqi u jaqtgħu id-daħla li juża preżentament. Iżżid, “Tlabna biex jinkludu mina, imma qalu li ma jistgħux… għandna borehole maġenb il-farmhouse, kif se nilħaqha?” Kliemu huma xhieda tan-nuqqas ta’ konsultazzjoni mall-bdiewa meta t-triq kienet qed tiġi ppjanata.

Meta mistoqsi jekk ġiex offrut kumpens għat-telf tal-art, jirrispondi sempliċement, “xejn.” Il-gvern se jagħtih biss kumpens għal “dak li hemm fl-art”, mingħajr ma jqis it-telf li se jġarrab fil-futur. Dan it-tip ta’ kumpens huwa l-kumpens l-minimu meħtieġ mil-liġi li bidwi għandu dritt jirċievi u jġiegħel lil wieħed jistaqsi għala n-nuqqas ta’ qafas legali adegwat biex jipproteġi b’mod xieraq id-dritt ta’ bidwi li jibqa’ jaħdem u jirċievi kumpens xieraq.

Victor tkellem ukoll dwar is-soluzzjonijiet foloz li Infrastructure Malta offrietlu biex iċċaqlaq is-serer u s-siġar tal-frott tiegħu “qalulna lis-serer se jiġu mqiegħda x’imkien ieħor… issa dawn serer qodma, kif tmisshom, se jċedu.”  Dwar is-siġar tal-frott l-awtoritajiet issuġġerew li jerġgħu iħawwluhom mill-ġdid band’oħra. Bl-ebda garanzija li t-tħawwil se jirnexxi, iżżid li, “huwa aħjar li terġa tibda mill-bidu”. It-telf jew iċ-ċaqliq tat-tin maturi, is-siġar taż-żebbuġ u l-bajta tax-xewk se jkompli jieħu mil-qliegħ tiegħu.

Il-ftehim “one-to-one” li Frederick Azzopardi xandar bi kburija ma seħħx fil-każ ta’ Victor. Jispjega li l-bdiewa u r-residenti qatt ma nstemgħu waqt il-proċess tal-ippjanar. Il-laqgħat li kienu organizzati ittellgħu biss biex ikunu saru, “darba saret laqgħa f’Ħal Luqa u keċċewna. F’nofs il-laqgħa raġel minnhom ħarigna ’l barra u qalulna li l-laqgħa spiċċat, dak kollox.” Jemmen li din l-imġiba kienet minħabba li dawk li attendew il-laqgħa kienu qed jesprimu opinjonijiet kuntrarji u li l-awtoritajiet sempliċement ma riedux jisimgħu.

Victor ikkonferma wkoll li hu qatt ma ġie kkonsultat billi żied, “fuq it-television qalu li l-bdiewa kollha jaċċettaw il-proġett. Aċċettajt?! Qatt m’għidt iva jew le.” Staqsejt jekk is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Clint Camilleri, tkellem mall-bdiewa. Victor jgħidli, “meta kellimnih waqt laqgħa, qalilna li se jċemplilna imma qatt ma ċempel.” Clint kien notevolment assenti waqt il-laqgħa tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-bdiewa kienu minflok rappreżentati minn John Camilleri, bidwi part-time li għandu art fiż-żona.

B’risposta għall-kampanja aggressiva ta’ propaganda li fiha l-Ministru tat-Trasport Ian Borg saħaq li l-Proġett huwa “favur l-ambjent”, Victor jgħid li “mhuwiex tajjeb għall-ambjent… id-dħaħen hemm se jibqgħu.” It-triq mhix se tnaqqas it-traffiku, l-effett ta’ ‘bottle-neck’ jista’ sempliċiment jiċċaqlaq ftit.

Il-messaġġ tiegħu lir-rapreżentanti parlamentari huwa sempliċement biex “Jgħinu lill-bdiewa… il-bdiewa sejrin lura, mhux ’l-quddiem. Naħdmu biex inħallsu l-ispejjeż…il-bidwi qatt ma jissemma [mill-uffiċjali eletti].”

Victor huwa deċiż li jkompli jiġġieled sal-aħħar, bit-tama li l-proċess tal-appell imressaq mill-NGOs ambientali ikun suċċess. Meta mistoqsi għala ma jaqtax qalbu stqarr, “Kont imrobbi hawn. Se tkun weġgħa naraw il-makkinarju dieħel…u l-istess inħoss meta nara għelieqi oħra jinqerdu biex jitwessgħu t-toroq.” Victor esprima wkoll it-tħassib tiegħu għall-futur ta’ ibnu. Filwaqt li bla dubju juri interess fil-biedja u jrid li Jean-Paul isegwi edukazzjoni għolja fl-agrikoltura, jinkwieta li din l-industrija f’Malta dieħla fis-sqaq.

L-artiklu miktub minn Maria Eileen Fsadni abbażi ta’ intervista li għamlet lil Victor Tonna. Ritratti minn Lisa Attard.

Donate now!

X